TOP


GWU

 

Il-GWU dejjem semmgħet leħinha meta tkun qed issir inġustizzja



11042016

 
Il-General Workers’ Union dejjem tkellmet meta tkun qed issir inġustizzja. Hekk ukoll kif sa mill-ħolqien tagħha dejjem iddefendiet d-drittijiet tal-ħaddiema. Dan ingħad mill-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca hekk kif illum indirizzat lill-pensjonanti msieħba fl-Għaqda tal-Pensjonanti tal-General Workers’ Union. Il-President tar-Repubblika qalet li l-GWU matul is-snin għamlet serje ta’ kisbiet li kienu ta’ ġid għall-pensjonanti u l-anzjani Maltin.
Il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca ġiet milqugħa fil-Workers’ Memorial Building mill-President tal-GWU Victor Carachi, mill-President tal-Għaqda Pensjonanti Lino Debono u mis-Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti Anthony Busuttil.
Fid-diskors tagħha l-President tar-Repubblika tkellmet dwar diversi temi li l-anzjani u l-qraba tagħhom jistgħu jiltaqgħu fil-ħajja li qed ngħixu llum b’aċċenn partikolari dwar l-inklużjoni soċjali u d-diversità ta’ kulturi f’pajjiżna. Hija qalet li filwaqt li tifhem lil min għandu sens ta’ biża’ mill-immigranti, ma taċċetta qatt nies li kważi jieħdu gost bit-traġedji li jseħħu. Il-President saħqet li għalkemm nassoċjaw l-immigrazzjoni ma’ nies li ġejjin mill-Afrika, però mhux hekk hu biss il-każ għaliex hawn immigranti fostna li ġejjin minn kull parti tal-Ewropa. Saħqet li l-migrazzjoni tal-bniedem minn post għal ieħor hi parti min-natura umana, u ilu jagħmilha minn ewl id-dinja.
Il-President fakkret meta l-Maltin kienu jemigraw u kemm kienet pożittiva li ġew aċċettati min-nies tal-post. Qalet li bl-istess mod illum għandna naċċettaw lill-immigranti fostna. Fakkret ukoll kif iż-żgħażagħ Maltin kwalifikati jmorru jaħdmu barra minn Malta. Qalet li barra li din tkun avventura għalihom, għandha ukoll tkun għajnuna biex jwettqu l-aspirazzjoni tagħhom.
Żiedet tgħid li f'ċerti oqsma tax-xogħol fejn jinħass in-nuqqas ta’ ħaddiema Maltin, qed ikunu l-barranin li jimlew il-vojt. Semmiet ir-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali u qalet li dan ikkonferma li kien ta’ benefiċċju li f’pajjiżna kien hawn influss ta’ ħaddiema barranin għax dawn qed jgħinu biex tissaħħaħ issostenibilità tal-pensjonijiet.