TOP


GWU

 

Il-GWU tiffirma ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ GSD Ltd u GSD Marketing Ltd



02042016

Il-General Workers’ Union permezz tat-Taqsima Ospitalità u Ikel iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-General Soft Drinks u GSD Marketing Ltd. Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv li jkopri mill-2015 sal-2018 il-ħaddiema barra li se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn titjib fil-pagi, se jkunu qed jingħataw l-opportunità li jtejbu u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, u dan wara li kien hemm reviżjoni f’għadd ta’ gradi. 

Wara xhur ta’ diskussjoni, il-ftehim kollettiv seta’ jidħol fis-seħħ wara li l-ħaddiema f’laqgħa msejħa għalihom mill-GWU, fejn kien spjegat lilhom dak miksub fin-negozjati, permezz ta’ votazzjoni approvaw l-istess ftehim kollettiv. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li: “Il-ftehim kollettiv kien riżultat ta’ sforzi u rieda tajba miż-żewġ naħat fl-aħjar interess tal-impjegati. It-tim maniġerjali tal-GSD dejjem għaraf li l-impjegati huma l-aktar riżorsa importanti.”

Min-naħa tiegħu s-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kenny Muscat irringrazzja lill-ħaddiema tal-maturità li wrew biex dan il-ftehim kolletiv ikun wieħed ta’ suċċess u b’hekk għarfu jimmassimizaw l-oportunitajiet li kellhom quddiemhom.

L-Uffiċjal Kap tal-Operat għall-kumpanija GSD Maria Micallef irringrazzjat lill-GWU u lil kollegi kollha involuti għall-professjonalità tagħhom fin-negozjati u saħqet li: “Dan il-ftehim jikkonsolida s-sħubija tagħna mal-GWU.”

Il-ftehim kollettiv kien iffirmat f’isem il-ħaddiema mis-Segretarju tat-Taqsima Kenny Muscat u mix-Shopsteward Joe Grima, filwaqt li f’isem il-kumpanija iffirmaw il-Maniġer Ġenerali Brian Galea, il-Kap tal-Maniġment tar-Riżorsi Umani Shirley Grixti u l-Maniġer tar-Riżorsi Umani Stephen Bonnici. Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri u l-Uffiċjal Kap tal-Operat għall-kumpanija GSD Maria Micallef iffirmaw bħala xhieda tal-ftehim milħuq.