TOP


GWU

 

Messaġġ fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien minn Josef Bugeja Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union



30032016

Ninsabu hawn illum biex infakkru s-37 sena minn meta Malta kisbet il-Ħelsien tagħha. Kisba li bħala General Workers’ Union konna protagonisti. Il-Ħelsien miksub ifisser mhux biss it-tluq tal-bażi militari Ingliża, iżda wkoll, il-ħelsien fil-ħsieb tagħna u fl-għażliet tagħna. Ħelsien li ta lill-poplu Malti u Għawdxi l-għażla fil-ħolqien tal-futur tagħna. Ħelsien li ħoloq soċjetà demokratika, ġusta u b’rajha f’idejha. 

F’dan l-isfond illum irridu nuru wkoll soliderjetá mal-poplu Belġjan, Pakistani, Tork, Iraqi u Franċiż. Kif ukoll ma’ kull ġens ieħor li qed isofri atti terrostiċi li għandhom biss il-ħsieb li jbeżżgħu u jħarbtu s-soċjetà u l-libertajiet tal-popli. Minn hawn nikkundanaw bla ebda riżerva kull att terroristiku u nikkundanaw kull forma ta’ ħsieb estrem. Ma hemm l-ebda raġuni li tista’ tiġġustifika l-atti barbari li seħħew u qed jiġru madwarna.

Matul dawn is-sebgħa u tlettin sena ta’ Ħelsien, Malta għarfet timxi ’l quddiem u tagħmel l-għażliet tagħha li ssarfu fi żvilupp ekonomiku u soċjali. Għażliet li ħolqu soċjetà mibnija fuq is-soliderjetà soċjali, fuq il-valuri ta’ rispett reċiproku u tħaris tad-drittijiet taċ-ċittadini. 

Malta hija Republika indipendenti bbażata fuq ix-xogħol u fuq ir-rispett tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Drittijiet li jinkludu l-libertà tal-kelma, il-libertà tal-ħsieb, id-dritt tax-xogħol u fuq kollox il-libertà tal-assoċjazzjoni.Il-ħaddiem tgħallem jagħmel l-għażliet li huma fl-aħjar interess tiegħu u tal-familja tiegħu. Il-ħaddiem tgħallem kemm hu importanti d-dritt tal-assoċjazzjoni u d-dritt li jissieħeb f’unjin u li jixtieq hu.

Iżda dan l-aħħar, b’politika neo-liberali u ġirja sfrenata biex il-kapital joqtol is-solidarjetà u libertà tal-assocjazzjoni, qed naraw li xi management ta’ postijiet ta’ xogħol għadhom jaħsbu li jistgħu jxeklu l-ħelsien tal-ħaddiem. Dawn il-management qed ixekklu l-għażla ħielsa tal-ħaddiema li jsieħbu f’unjin tal-għażla tagħhom. Dan qed jagħmluh b’ħafna wegħdi fierha u tehdid sottili, pressjoni żejda fuq l-impjegati u deċiżjonijiet dubjużi li jmorru kontra kull loġika. Dan kollu qed isir b’detriment għall-ħaddiem inġenerali u għall-benefiċju tal-ftit magħżula.

Iżda l-ħaddiem qed jinduna li wieħed mill-pilastri tal-ħelsien huwa proprju l-libertà li jagħmel l-għażliet li jrid hu. Huwa għalhekk importanti li l-ħaddiem jagħmel dawk l-għażliet li jemmen fihom hu u mhux il-management. Hu dritt fundamentali tal-ħaddiem li jkun imsieħeb fil-unjin tal-għażla tiegħu, u xejn ma għandu jkun li jżommu milli jwettaq dan.   Hija għal din ir-raġuni li bħala General Workers’ Union  kontinwament naħdmu kontra l-prekarjat, kontra l-sfruttament, kontra l-abbuż ta’ poter, kontra l-abbuż fuq il-ħaddiema u kontra l-manipolazjoni tal-istess ħaddiem.

Huwa għalhekk li ċertu management jara lill-GWU bħala tehdida u mhux bħala sieħeb soċjali. L-għan tal-ħaddiem qatt m’hu li joħnoq it-tkabbir u l-investiment, imma li jkollu ħlas diċenti u ġust għall-valur tal-ħidma tiegħu. Iż-żieda fil-profiti għandha twassal f’titjib fil-pagi u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. 

Aħna nemmnu fid-dritt tax-xogħol. Nemmnu f’soċjetà ġusta. Nemmnu f’solidarjetà soċjali. Nemmnu wkoll fil-prinċipju fundamentali ta’ ħlas u benefiċċji ugwali għall-istess valur ta’ xogħol, irrispettivament min jagħmlu. Ma jistax ikun li f’ekonomija b’saħħitha għad hawn ħaddiema li jaħdmu sigħat twal u xorta mhux possibli għalihom u l-familji tagħhom li jgħixu ħajja diċenti. Mhux ġust li hawn min jagħmel profit bis-saħħa tal-abbuż, tal-intimidazjoni u bi ksur tal-liġijiet. Il-ħolqien u t-tqassim tal-ġid għandu jgawdi minnu kulħadd.

Il-Ħelsien ta’ pajjiżna ġab responsabilità fuq is-soċjetà Maltija. Responsabilità soċjali li lkoll flimkien naħdmu biex ħadd ma jgħix fil-faqar, ħadd ma jkun diskriminat, ħadd ma jkun sfruttat.  Ħadd ma jkun abbużat. Kulħadd għandu dritt li jgħix ħajja diċenti. Dik hija r-responsabilità tagħna lkoll. Din hija r-responsabbiltà ta’ Malta Ħielsa.