TOP


GWU

 

Il-GWU tiffirma ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ GasanZammit



26032016

Il-General Workers’ Union, permezz tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni, fil-jiem li għaddew iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-kumpanija GasanZammit Motors Ltd. Dan il-ftehim kollettiv, li huwa għall-erba’ snin u hu retro attiv minn Jannar tal-2015, ġab titjib fil-pagi u fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-ħaddiema.

Is-Segretarju tat-Taqsima David Darmanin jistqarr li dan il-ftehim kolletiv, li kien riżultat ta’ relazzjoni tajba li teżisti bejn iż-żewġ naħat, kellu l-għan ukoll li jqarreb il-kundizzjonijiet tal-grupp ta’ ħaddiema li kienu impjegati mal-kumpanija Zammit għal dawk tal-ħaddiema tal-grupp Gasan, li wara amalgamazzjoni bejniethom saru grupp u kumpanija waħda. “B’dan il-ftehim kollettiv issa l-ħaddiema kollha qegħdin igawdu mill-istess kundizzjonijiet u benefiċċji, u li issa huma aħjar,” saħaq Darmanin.

Min-naħa tiegħu is-CEO tal-kumpanija Stefan Deguara rringrazzja lill-GWU tal-profesjonalità li wriet waqt in-negozjati tal-ftehim kollettiv, u huwa sodisfatt li dan il-ftehim, li fih vantaġġi għaż-żewġ naħat, se jgħin biex il-kumpanija tibqa’ tagħti l-aħjar servizz lill-klijenti tagħha.

Il-ftehim f’isem il-ħaddiema kien iffirmat minn David Darmanin Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni u minn Gaetan Dimech rappreżentant tat-taqsima. F’isem il-kumpanija iffirmaw Stefan Deguara Chief Executive Officer, Juan de Battista Direttur u Sarah Grixti Group HR Executive.