TOP


GWU

 

Il-miżuri favur il-familja jeħtieġ li jkunu estiżi fis-settur privat



08032016

F’dan il-jum internazzjonali dedidikat għall-mara, il-General Workers’ Union tfakkar fil-kisbiet li saru matul is-snin f’pajjiżna kemm f’dawk li huma leġiżlazzjonijet kif ukoll kundizzjonijiet ta’ impjieg biex il-mara kisbet parità mar-raġel. Kisbiet li l-GWU ħadmet għalihom għax sa mit-twaqqif tagħha emmnet fl-ugwaljanza bejn is-sessi. F’dan l-isfond il-GWU turi solidarjetà man-nisa fil-pajjiżi barranin li s’issa għadhom jissieltu biex inaqqsu u jeliminaw għal kollox id-differenzi minn mal-irġiel. 

Il-GWU tingħaqad mal-moviment trejdunjonista Ewropew u Internazzjonali u tappella biex jitneħħew il-barrieri li għad fadal u li qegħdin ixekklu l-progress tal-mara fis-soċjetajiet barranin. Dan b’mod speċjali fid-dinja tax-xogħol fejn tikkonċerna paga ugwali għal xogħol ugwali bħall-irġiel. 

Il-GWU tisħaq li wasal wkoll iż-żmien biex issir bidla fil-mentalità ta’ kif nargumentaw dwar it-trobbija tal-ulied. Ma nistgħux nibqgħu niffukaw fuq ir-rwoli separati tal-omm u l-missier, iżda għandna niffukaw fuq ir-rwol konġunt bħala ġenituri. Jeħtieġ ukoll li ċertu miżuri favur il-familja jkunu estiżi anke għas-settur privat. In-nuqqas ta’ din il-possibilità qed twassal biex in-nisa jkollhom jaċċettaw impjiegi f’livelli anqas minn dak li jkunu kwalifikati għalih, bil-konsegwenza li jispiċċaw jinqabdu fiċ-ċiklu tal-prekarjat. Għaldaqstant l-estensjoni ta’ miżuri favur il-familja fis-settur jagħmilha aktar possibbli għan-nisa li joħorġu jaħdmu u jagħtu kontribut ġust u siewi lill-ekonomija u s-soċjetà. 

Il-GWU min-naħa tagħha tappella biex il-mara Maltija tkun aktar parteċipi fil-ħajja soċjo-politika ta’ pajjiżna. Din il-parteċipazzjoni tgħin biex aktar nisa jkunu f’pożizzjoni f’saħħitha jiksbu u jwettqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.