TOP


GWU

 

Ftehim kollettiv ġdid għal ħaddiema tal-Grupp Corinthia



27022016

Fil-jiem li għaddew il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Grupp Corinthia. Dan il-ftehim kollettiv huwa għal perjodu ta’ tliet snin u hu retro attiv minn Jannar 2015. Grazzi għal dan il-ftehim kollettiv il-ħaddiema mhux biss se jkunu qed igawdu minn żidied fil-pagi, iżda wkoll titjib f’dawk li huma allowances u benefiċċji oħra. 

Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kenny Muscat jistqarr li dan il-ftehim kollettiv huwa riżultat ta’ ħidma kontinwa bejn il-GWU u l-Grupp Corinthia u jkopri lil ħaddiema fi tliet lukandi: Corinthia St George’s Bay Hotel, Marina Hotel u Corinthia Palace Hotel. Ir-relazzjonijiet tajba li jeżistu bejn iż-żewġ naħat għamluha possibbli biex permezz ta’ dan il-ftehim il-Grupp Corinthia jkun jista’ jħares ’l quddiem biex jilqa’ għall-opportunitajiet u sfidi ġodda fis-settur turistiku f’pajjiżna. 

Muscat qal li ħidma li saret bejn iż-żewġ naħat matul is-snin dejjem ħalliet il-frott u s-suċċessi mixtieqa, anke meta ż-żminijiet kienu diffiċli. Huwa japprezza l-fatt li l-Grupp Corinthia dejjem għaraf li l-ħaddiema huma fost l-aktar riżorsi importanti biex ikun jista’ jsaħħaħ u jespandi l-operat tiegħu. 

Il-ftehim kollettiv kien iffirmat f’isem il-ħaddiema mis-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kenny Muscat u mix-Shopsteards Tonio Zammit, Ray Bonello u Robert Azzopardi. F’isem il-kumpanija ffirmaw iċ-Chief Executive Officer Simon Naudi, il-Group Chief Officer Organisation Development u Human Resources Franco Valletta, Stuart Chappell General Manager Corinthia St. George’s Bay Hotel u Marina Hotel, kif ukoll minn Carl Galea Hotel Manager tal-Marina Hotel.