TOP


GWU

 

L-Uffiċjali ta’ Detenzjoni m’għandhomx jispiċċaw fil-mira ta’ kampanja politika



19022016

Il-General Workers’ Union tappella lill-Gvern biex ma jħallix lill-Uffiċjali ta’ Detenzjoni jispiċċaw fil-mira ta’ kampanja politika, u jkompli jaħdem u jaġixxi skont il-ftehim maqbul magħha dwar l-użu ta’ dawn il-ħaddiema. Wieħed anzi għandu japprezza l-ħidma li dawn l-uffiċjali wettqu fil-mumenti li pajjiżna kien qed jgħin fis-salvataġġ u ħarsien ta’ immigranti irregolari. 

Il-possibilità li seta’ jkun hemm tnaqqis fid-dħul ta’ immigranti irregolari kienet diskussa bejn il-GWU u l-Ministeru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali fl-2015 waqt negozjati għal ftehim settorali li jkopri l-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema. Kien għalhekk li intlaħaq qbil dwar l-introduzzjoni ta’ klawsola f’każ li jkun hemm tnaqqis drastiku fil-wasla ta’ immigranti rregolari. B’dan il-qbil, sakemm iċ-ċirkostanzi ma jinbidlux, il-Gvern kien fil-libertà li juża l-esperjenza f’dan il-qasam ta’ dawn il-ħaddiema billi jasenjahom f’postijiet u ċentri oħra, kif fil-fatt qed isir. Aktar minn hekk dawn l-istess ħaddiema qed jagħtu wkoll is-sehem tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni.

Għaldaqstant it-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi turi d-diżappunt tagħha għall-impressjoni li setgħet ingħatat meta kien ippreżentat in-numru ta’ uffiċjali ta’ detenzjoni fil-konfront ta’ dawk l-immigranti rregolari li għadhom miżmuma f’detenzjoni. Ir-realtà hija xorta oħra hekk kif dawk l-uffiċjali li mhumiex assenjati esklussivament għas-servizz ta’ detenzjoni ma’ immigranti irregolari, jinsabu assenjati fuq xogħol ieħor relatat mal-grad tagħhom.