TOP


GWU

 

Ħtieġa ta’ aktar għarfien tar-regolamenti dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol



18022016

Il-General Workers’ Union, flimkien mal-Istitut tas-Saħħa u Sigurtà (Turu Micallef), tisħaq li wasal iż-żmien li l-awtoritajiet Maltin jieħdu bis-serjetà l-problema tan-nuqqas ta’ għarfien u implimentazzjoni tar-regolamenti dwar is-saħħa u sigurtà fl-industrija tal-kostruzzjoni. L-inċidenti u t-traġedji li seħħew matul dawn l-aħħar xhur għandhom iservu bħala sejħa biex tittieħed azzjoni immedjata.

Il-GWU ilha tisħaq li t-trejdunjins, għaqdiet ta’ min iħaddem, organizzazzjonijiet mhux governattivi, partiti politiċi u l-Knisja għandhom jaħdmu aktar ħalli jkun promoss l-għarfien dwar ir-regolamenti dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. L-awtorità kompetenti għandha tingħata aktar saħħa biex tagħmel l-ispezzjonijiet kontinwi fuq is-siti ta’ kostruzzjoni. Il-GWU tiddikjara li hija lesta biex taħdem ma’ dawk kollha involuti – kemm mis-settur pubbliku kif ukoll mis-settur privat – biex jikber l-għarfien dwar dawn ir-regolamenti. L-aċċidenti li seħħew juru biċ-ċar li ma nistgħux nibqgħu nistennew aktar biex din il-problema tkun iffaċjatha. 

Il-GWU, permezz tal-Istitut Turu Micallef ilha diversi snin involuta fid-diversi setturi tal-ekonomija Maltija fil-promozzjoni tar-regolamenti dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. L-impenn ta’ dan l-Istitut huwa li jgħin lill-ħaddiema jgħarfu dejjem aktar il-ħtieġa ta’ dawn ir-regolamenti u jaraw li jkunu imwettqa biex iħarsulhom saħħithom u ħajjithom. Kien għalhekk li fil-ġimgħat li għaddew introduċiet numru ta’ għajnuna – 79990089 – fejn ħaddiema li jkollhom diffikultajiet dwar prattiċi ta’ xogħol fir-rigward ta’ saħħa u sigurtà jistgħu jagħmlu kuntatt u jingħataw l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.