TOP


GWU

 

Il-kunflitt intern fil-MUBE qed jippreġudika l-ftehim kollettiv mal-HSBC



01022016

L-aħbar li ħarġet fil-midja internazzjonali li l-bank HSBC b’mod globali kien se jiffriża l-pagi tal-ħaddiema u jieqaf jingaġġa impjegati ġodda miegħu ma setgħetx waslet f’mument eħżen għall-ħaddiema Maltin, hekk kif il-ftehim kollettiv tagħhom ilu skadut sentejn u ma jidher l-ebda xaqq ta’ dawk li se jintlaħaq qbil f’qasir żmien.

Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU, Charles Galea, qal li s-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ għaddejja u hemm bżonn li jitwarrbu l-ostakli  li qed ixekklu xi forma ta‘ ftehim.

Is-Segretarju Charles Galea qal li l-aħbar li l-HSBC, b’mod globali, mhux biss kien se jnaqqas in-nies kif ħabbar li se jagħmel f’Ġunju li għadda, iżda wkoll issa se jkun qed jiffriża l-pagi u anke jieqaf jingaġġa impjiegi ġodda, qed tippreġudika s-sitwazzjoni tal-impjegati Maltin. Saħaq li meta l-GWU s-sena li għaddiet tat l-appoġġ tagħha għall-azzjonijiet imsejħa mill-MUBE stenniet li l-affarijiet se jimxu ’l quddiem: “Iżda mhux hekk ġara. Sal-lum kollox għadu wieqaf u l-ħaddiema qed jistaqsu x’se jiġri issa bl-aħbar li kellna lbieraħ.”

Galea stqarr li barra r-ras iebsa tal-bank, teżisti wkoll il-problema ta’ kunflitt intern fil-MUBE li mhux qed jgħin biex tinstab żvolta f’din il-kriżi. Saħaq li aktar ma l-kunflitt intern fil-MUBE jkompli għaddej, inqas se jkun hemm żmien biex jintlaħaq qbil dwar ftehim kollettiv ġdid.

“Bħala GWU, bil-kontra ta’ dak li għamlet il-MUBE meta konna qed niddiskutu ftehim kollettiv mal-BOV, m’aħna nostakolaw bl-ebda mod id-diskussjonijiet. Meta l-MUBE ħtieġet l-appoġġ konna hemm u tajnieh. Biss aħna għandna l-interess tal-ħaddiema li qed nirrappreżentaw fl-HSBC. Jeħtieġ li llum qabel għada jitwarrbu d-differenzi interni u ssir ħidma fuq ftehim kollettiv ġdid. Jekk le, se jkunu l-ħaddiema Maltin li se jbatu,” saħaq is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU.