TOP


GWU

 

Il-GWU tiffirma ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Nylon Knitting



12122015

Fil-jiem li għaddew il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Nylon Knitting li grazzi għalih se jkun hemm titjib fil-pagi u benefiċċji finanzjarji oħra. Dan il-ftehim, li huwa retro attiv minn Jannar 2015, qed jitqies miż-żewġ naħat bħala bidu ġdid għall-kumpanija f’Malta. 

Is-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni tal-GWU Pawlu Bugeja jistqarr li wara li l-ħaddiema fis-snin li għaddew kienu qablu u aċċettaw li jgħamlu serje ta’ sagrifiċċji biex il-kumpanija ssalva l-operat tagħha f’Malta, issa ninsabu f’pożizzjoni li l-kumpanija qed tħares għat-tisħiħ tal-ħidma tagħha f’pajjiżna. Buġeja qal li grazzi għal relazzjonijiet tajba li jeżistu bejn il-GWU u l-kumpanija Nylon Knitting, din tal-aħħar wettqet serje ta’ investiment ġodda f’Malta u warrbet pjani li kellha biex tinvesti f’pajjiż ieħor. Barra minn hekk grazzi għal miżuri meħuda fil-baġit ta’ sentejn ilu, il-kumpanija saret aktar kompetittiva fis-settur li topera fih.

Għaldaqstant l-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv ġdid, li jkopri mill-2015 sal-2017, se jgħin lil kumpanija tħares lejn il-futur b’ottimiżmu u b’kuraġġ biex tkompli tagħmel investimenti ġodda u tkabbar l-operat tagħha f’Malta.

Il-ftehim kollettiv kien iffirmat f’isem il-ħaddiema mis-Segretarju tat-Taqsima Pawlu Bugeja, mill-Assistent Segretarju Jesmond Marshall u mix-Shop Steward Joe Sammut. F’isem il-kumpanija ffirmaw il-General Manager Giancarlo Pezzoli u l-Business Unit Manager Pier Luigi di Pilato.