TOP


GWU

 

Il-GWU tikkundanna l-att intimidatorju fil-konfront tal-ġurnalist Victor Vella



12012015

Il-General Workers’ Union tikkundanna bil-qawwa kollha l-att intimidatorju fil-konfront ta’ wieħed mill-ġurnalisti tal-midja tagħha. L-ittra anonima mibgħuta lill-ġurnalist Victor Vella mhi xejn għajr att kodard minn min ma jridx jaċċetta opinjoni u veduti differenti minn tiegħu. Il-GWU filwaqt turi s-solidarjetà tagħha ma’ Victor Vella, mal-mara tiegħu kif ukoll ma’ uliedu, tisħaq li żmien il-biżgħa u d-dlamijiet ilhom snin li spiċċaw u azzjoni bħal din hija turija li għad hawn persuni li jemmnu li l-argumenti tagħhom jistgħu jintrebħu bit-theddid u l-intimidazzjoni.

Il-GWU sssotni li atti bħal dawn fuq l-impjegati tagħha jitqiesu attakk fuq l-organizzazzjoni nnifisha u għaldaqqstant mhijiex se tħalli lill-ġurnalist Victor Vella waħdu u se tipprovdilu kull għajnuna u appoġġ biex jiffaċċja din is-sitwazzjoni. 

Aktar minn hekk il-GWU tappella lill-midja lokali biex tieħu kont ta’ dak li seħħ u tieħu miżuri biex twassal l-messaġġ li f’pajjiżna m’għadx hawn lok għat-tbeżżiegħ u intimidazzjoni ta’ ħadd. 

Il-GWU tagħmilha ċara li kemm bħala organizzazzjoni kif ukoll il-midja tagħha se jibqgħu jaħdmu għall-ħolqien ta’ soċjetà inklussiva li tagħti dinjità u opportunità li min qed jgħix f’pajjiżna rrispettivament mill-kulur tal-ġilda, mit-twemmin politiku u reliġjuż u mill-orjentazzjoni sesswali tiegħu. It-tolleranza, l-integrazzjoni u r-rispett huma l-għodda u l-miżuri ewlenin biex tingħeleb il-mibgħeda u x-xenofobija.