TOP


GWU

 

L-investiment fit-taħriġ huwa l-aqwa riżorsa tal-kumpanija



08012015

“Is-shop stewards, rappreżentanti, u d-delegati huma l-vuċi tal-ħaddiem. Nemmen ħafna fit-taħriġ. L-investiment fit-taħriġ huwa l-aqwa riżorsa tal-kumpanija.”

Stqarr dan is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja waqt li kien qed jindirizza lil shop stewards li temmew b’suċċess kors ta’ taħriġ, li matulu kellhom l-opportunità li jaqsmu flimkien l-esperjenzi tagħhom kif ukoll jitgħallmu fuq diversi suġġetti li huma jiltaqgħu magħhom fuq il-post tax-xogħol. Huma kollha ngħataw ċertifikat bħala rikonoxximent talli lestew b’suċċess dan il-kors.

Bejn Ottubru u Diċembru tas-sena li għaddiet, 91 parteċipant li l-età tagħhom tvarja bejn il-25 u l-54 sena, kellhom l-opportunità li jitgħallmu dwar il-policies nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej, ftehim kollettiv, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-ugwaljanza, negozjar, medjazzjoni kif ukoll dwar il-liġi u relazzjonijiet industrijali. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li, “Empowering People Through Knowledge,” kien proġett finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew 2007-2013 li ffoka fuq djalogu soċjali aktar b’saħħtu u dwar soċjetà aktar inklussiva.

Kompla jgħid li dan it-taħriġ sar biex tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-ħaddiema, unjins, min iħaddem u l-policy makers. B’hekk, qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, ikollna żvilupp sostenibbli aħjar fis-soċjetà.

Bugeja għamel referenza għal dak li qalet l-International Labour Organisation (ILO), li d-djalogu soċjali huwa bżonjuż biex ittejjeb l-ekonomija u jagħmilha aktar kompetittiva. “Dan iwassal biex soċjetà tkun aktar stabbli u sostenibbli.”

“Dan li tgħid l-ILO jingħad ukoll fil-Programm Operattiv II, Fond Soċjali Ewropew (ESF), illi tissaħħaħ aktar l-iżvilupp ekonomiku u soċjali billi jitjieb l-impjieg u jkun hawn aktar kundizzjonijiet aħjar għal ħaddiema billi jkun hawn opportunitajiet indaqs u aħjar għaċ-ċittadini kollha Ewropej. Dan il-programm jisħaq ukoll li l-imsieħba soċjali għandhom ikollhom l-abilità illi jieħdu sehem aktar fil-policy making fil-qasam tax-xogħol u dan għandu jiġi aktar żviluppat.” 

Għaldaqstant, kompla jgħid Bugeja, il-GWU għenet biex il-miri u l-intenzjonijiet tal-ILO u l-ESF jintlaħqu permezz ta’ dan it-taħriġ. “Il-parteċipanti tejbu l-għarfien tagħhom fid-djalogu soċjali. Issa se jikkontribwixxu aħjar fil-parteċipazzjoni tagħhom f’diskussjonijiet fuq livell bipartite u tripartite. B’hekk se jittejbu u jissaħħu l-kapaċitajiet u r-relazzjonijiet tar-rappreżentanti, shop stewards u delegati mal-partijiet kollha ikkonċernati fil-qasam tax-xogħol.” 

Bugeja żied jinnota li skont ir-riżultati li nġabru mingħand il-parteċipanti stess, kien hemm żieda ta’ ‘l fuq minn 50% f’kull suġġett li t-taħriġ xtaq iwassal.

Semma kif dan kien proġett pilota u li mhux se jkun l-aħħar programm ta' din ix-xorta għax fil-futur hemm ħsieb li bl-għajnuna ta' aktar fondi l-GWU torganizza aktar programmi ta' taħriġ lill-imsieħba tagħha fix-xhur u s-snin li ġejjin. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja temm jirringrazzja lil parteċipanti kollha li attendew għall-korsijiet kollha, li damu għaddejjin saħansitra sas-7.00 p.m. u anke s-Sibtijiet. Irringrazzja wkoll lil NCPE, DIER U OHSA li kienu partners f’dan il-proġett u li qasmu l-esperjenza u l-għarfien tagħhom f’dan il-kors. Bugeja ma naqasx milli jirringrazja wkoll lill-employers kollha, li skużaw lill-ħaddiema tagħhom mill-ħin tax-xogħol biex jattendu. 

Preżenti wkoll kien hemm id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri u l-Project Leader Kendrick Bondin.