TOP


GWU

 

Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Delicata



07012015

Fil-jiem li għaddew, il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-kumpanija Delicata. Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv ġdid il-ħaddiema fil-gradi industrijali ta’ Delicata se jkunu qed igawdu minn titjib fil-pagi.

Matul dawn l-aħħar snin il-kumpanija – li hija mmexxija mill-familja Delicata bi storja ta’ ’l fuq minn 100 sena – għamlet investimenti sostanzjali fosthom fl-impjant tal-fermentazzjoni biex tkun f’pożizzjoni aħjar li tiffaċċja l-kompetizzjoni kemm tas-suq lokali kif ukoll dak barrani. Aktar minn hekk, matul il-perjodu tal-ftehim kollettiv preċedenti sar titjib f’numru ta’ gradi bil-għan li kumpanija tkompli tkun kompettiva u tattira ħaddiema ġodda.

Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU, Kenny Muscat, qal li l-ftehim kollettiv ġdid li ġie ffirmat se jkompli fuq il-ħidma li saret tul dawn l-aħħar snin u, grazzi għall-koperazzjoni bejn il-GWU u l-kumpanija, saret ħidma biex jitjiebu l-gradi industrijali. Dan it-titjib ġab żidiet fil-pagi għall-ħaddiema.

Il-ftehim kollettiv kien iffirmat f’isem il-ħaddiema mis-Segretarju tat-Taqsima, Kenny Muscat, u mir-rappreżentant Aaron Portelli, filwaqt li f’isem il-kumpanija l-ftehim kollettiv kien iffirmat mid-Direttur Maniġerjali, Vincent George Delicata, u mid-diretturi Mario u Michael Delicata.