TOP


GWU

 

Propost passaport ta' kwalifiki għall-ħaddiema fl-ospitalità



30122015

Bis-settur tal-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tal-ospitalità, jiġifieri dawk  li jaħdmu f'lukandi u ristoranti qed jitqies bħala li hu settur li fih il-ħaddiema mhux iħossu it-tkabbir ekonomiku fil-bwiet tagħhom, il-General Workers Union (GWU) ħarġet b'inizjattiva  bl-għan li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata.

Wara li kienet il-GWU li ġabet fuq l-aġenda nazzjonali l-kwistjoni tal-prekarjat, issa l-istess GWU qed tenfasizza l-importanza li f'dan is-settur ikun hemm ħaddiema bi kwalifiċi u ħiliet flimkien mal-importanza tal-valur għall-esperjenza f'setturi tagħhom.  Il-GWU qed tipproponi li  biex dan iseħħ għandu jinħoloq passaport tal-kwalifiċi, l-esperjenza u l-ħiliet fis-settur tal-ospitalita.   Dan il-passaport għandu jiġbor fih dak kollu li hu marbut max-xogħol tal-individwu.

F'konferenza stampa dalgħodu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja spjega kif il-GWU ħadmet fuq dan il-qasam fuq livell Ewropew, fejn il-GWU hi l-unika unjin f'Malta li għandha taqsima speċifika li tirrappreżenta l-ħaddiema f'dan is-settur.  Proġett li kien qed jitħejja fuq livell Ewropew rigward dan il-passaport ma kienx ġie magħżul. Minkejja dan il-GWU baqgħet taħdem fuq dan u issa qed tipproponi li dan jiddaħħal f'Malta.

Josef Bugeja spjega li l-passaport għandu jkollu l-kwalifiċi tal-individwu, l-ħiliet, fejn ħadem, l-esperjenza tiegħu, liċenzji, riferenzi u anke ħiliet oħra.  "Dan għandu jwassal għal żieda fl-effiċjenza u fil-kwalità ta' servizz. Għandu jgħin biex jinqata' l-abbuż u l-ekonomija s-sewda.  Inkunu qed inkomplu nsaħħu settur b'ħaddiema ta' kwalità, b'taħriġ kontinwu. Nemmen li bit-taħriġ għandu jirbaħ kulħadd.   Dan għandu jgħin biex titrażżan kompetizzjoni inġusta u tagħti lill-konsumatur inċertezza li qed jingħata l-aqwa servizz minn ħaddiema ta' ħila."

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja,qal li l-GWU qed titlob laqgħa mal-Gvern biex jibda proċess biex jinħoloq dan il-passaport. Tenna li l-GWU lesta li taħdem ma' sħab soċjali oħra.