TOP


GWU

 

Il-GWU tiffirma ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-BOV



14122015

Illum il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Bank of Valletta. Ftehim li jilħaq l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema billi jneħħi l-anomaliji li għal snin kienu qed ixekklu l-progress tal-istess ħaddiema u kienu sors ta’ inġustizzji bbażati fuq proċeduri tal-imgħoddi.

Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU Charlie Galea stqarr li dan il-ftehim kollettiv, li huwa l-ewwel wieħed wara li l-Union kisbet l-għarfiuen ewlieni fil-BOV, barra li kiseb żidied sostanzjali għall-ħaddiema ġab bidliet fl-istruttura tal-pagi u salarji fejn il-ħlasijiet mhux se jibqgħu jsiru abbażi ta’ gradi iżda skont l-irwoli li jokkupaw il-ħaddiema. L-istruttura l-ġdida neħħiet id-diskrepanzi inġusti li għal ħafna snin kienu qed isofru minnhom l-istess ħaddiema. B’dan il-ftehim kollettiv il-ħaddiema se jkollhom sistema ta’ pagi u salarji li tikkorrispondi ma’ dak li wieħed isib fis-settur finanzjarju. Is-Segretarju tat-Taqsima jsostni li dan il-ftehim kollettiv għandu jservi ta’ bażi biex il-bank ikompli jiżviluppa u jtejjeb l-operat tiegħu, u b’hekk ma jibqax jitlef riżorsi tajbin.

Il-ftehim kollettiv wasal wara żmien twil ta’ tilwim industrijali, biss grazzi għal diskussjoni miftuħa bejn il-GWU u t-tmexxija tal-BOV iż-żewġ naħat waslu għal ftehim fuq pakkett li qed jiftaħ it-triq għal aktar titjib u żvilupp fil-BOV.

Dan kien konfermat ukoll mill-Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet tal-Bank Mario Mallia li waqt l-iffirmar tal-ftehim kollettiv faħħar il-mod li bih wettqet in-negozjati l-GWU għaliex fehmet l-isfidi tal-lum fis-settur bankarju. Qal li l-Bank jaqbel li dan il-ftehim qed iwarrab strutturi li m’għadhomx rilevanti għaż-żminijiet tal-lum u li qed iħares biex l-istrutturi jħarsu aktar lejn ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema.

Il-ftehim kollettiv kien iffirmat f’isem il-ħaddiema mis-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizz Charlie Galea u mix-Shop Stewards Justin Tabone u Ricarda Darmanin. F’isem il-Bank Of Valletta il-ftehim kollettiv kien iffirmat mill-Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet tal-Bank Mario Mallia, miċ-Chief Officer Human Resources Anthony Scicluna u mill-Head Human Resources Ray Debattista.